aIl-KIM tniedi t-tikketta Majjal ta' Malta

Mil-lum saret aktar faċli biex il-konsumatur Malti jagħraf il-Majjal ta’ Malta. Dan minħabba li l-majjal frisk u ġenwin ta’ Malta issa se jkun identifikat permezz tat-tikketta “Majjal ta’ Malta”.

It-tikketta se tkun tidher fuq il-majjal frisk ta’ Malta, kif ukoll, fil-forma ta’ sticker, imwaħħla mal-bibien u t-twieqi tal-bejjiegħa tal-laħam li jbiegħu l-majjal frisk ta’ Malta u prodotti magħmulin minnu. Dan għandu jipprovdi serħan il-moħħ u fiduċja lill-konsumaturi li jixtru l-prodott lokali.

Dr Oliver Frendo, General Manager tal-Koperattiva ta’ Min Irabbi l-Majjal qal li “il-konsumaturi għandhom id-dritt għall-għażla. Sa issa, il-konsumaturi ma kienux jafu jekk il-majjal li jsibu għall-bejgħ hux impurtat jew majjal ta’ Malta. Iżda issa, b’din it-tikketta ġdida, se tkun eħfef għalihom li jidentifikawh”. Saħaq li “l-konsumaturi issa jistgħu jkunu ċerti li fejn jaraw it-tikketta “Majjal ta’ Malta”, jinbiegħ majjal imrobbi, maqtul u maħdum lokalment’’.

Aktar u aktar konsumaturi qed isiru konxji tal-benefiċċji tax-xiri ta’ ikel prodott lokalment. Ekonomisti jsostnu li x-xiri ta’ prodott lokali jgħin lill-ekonomija tal-pajjiż u jipproteġi lill-komunità agrikola lokali. Barra minn hekk, jgħin lill-ambjent bi tnaqqis tal-emissjonijiet fil-ġarr tal-ikel.

Il-majjal ta’ Malta għandu reputazzjoni tajba mal-konsumatur Malti minħabba l-kwalità tiegħu. Il-produtturi tal-majjal ta’ Malta huma kburin bil-prodott tagħhom u huma kunfidenti li din it-tikketta ġdida se twassal għall-żieda fil-bejgħ tal-prodott tagħhom. Dan hu aktar importanti minn qatt qabel fid-dawl tal-pressjoni finanzjarja kbira li ntefgħet fuqhom biż-żieda fit-tariffi tad-dawl u tal-ilma, u ż-żieda fil-prezz tal-ġwież.

Minbarra t-tikketta, li se twassal għal distinzjoni aħjar bejn il-prodott lokali u dak importat, se tibda kampanja ta’ reklamar li se tqajjem għarfien fost il-konsumatur dwar il-benefiċċji tal-konsum tal-majjal frisk u ġenwin ta’ Malta. L-għan ta din il-kampanja huwa li b’ħidma flimkien mal-bejjiegħa tal-laħam, id-distributuri u l-proċessuri lokali, jiżdied il-konsum tal-Majjal ta’ Malta.

Il-kampanja se tinkludi wkoll tqassim ta’ riċetti differenti mingħajr ħlas fl-istabbilimenti li jipparteċipaw fl-iskema. Fost dawn ir-riċetti se jkun hemm ukoll riċetti speċjali bil-majjal ta’ Malta li jistgħu jiġu msajra għat-tfal u għall-anzjani, kif ukoll riċetti għal min ibagħti bil-kolesterol, bil-pressjoni għolja jew bid-dijabete”. Ser ikun hemm ukoll reklamar fuq billboards, fuq it-televiżjoni u fuq il-gazzetti. “Illum qegħdin inniedu wkoll il-website majjaltamalta.com, li fiha se jkun hemm informazzjoni dwar il-Majjal ta’ Malta, l-istabbilimenti li qed jipparteċipaw fl-iskema, kif ukoll riċetti u videos qosra dwar il-valur nutrittiv tal-majjal”, temm jgħid Dr Oliver Frendo.

Il-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali, George Pullicino qal li t-tibdiliet li l-produtturi tal-majjal ta’ Malta qegħdin jagħmlu flimkien, sabiex is-settur jibqa’ wieħed sostenibbli, huwa rimarkabbli. “Dan intom qegħdin tagħmluh għax tagħrfu l-ħtieġa li kontinwamnet issir analiżi tas-suq u jsiru xi tibdiliet neċċessarji sabiex jintlaħqu l-aspettattivi tal-konsumatur. Dan huwa fattur importanti, għax jekk jintlaħqu l-aspettivi tal-konsumatur, il-prodott ġenwin malti jkun għalhekk għażla naturali għall-istess konsumatur.

Il-kampanja “Majjal ta’ Malta” għandha l-appoġġ tal-Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali kif ukoll tal-Assoċjazzjoni tal-Bejjiegħa tal-Laħam.